World Cancer Day 2020

04 Feb 2020

In-National Cancer Platform issir uffiċjalment organizzazzjoni volontarja – il-President Vella jgħid li l-MCCFF qed isservi ta’ appoġġ lill-pazjenti fil-kura għall-kanċer f’Malta u barra

Illum tħabbar uffiċjalment li n-National Cancer Platform ġiet irreġistrata bħala organizzazzjoni volontarja mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Volontarjat.

In-National Cancer Platform tiġbor flimkien 12-il għaqda mhux governattiva li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer f’Malta.  L-għan huwa li dawn l-organizzazzjonijiet jaħdmu flimkien biex jagħtu servizz iktar ħolistiku, ikkordinat u sostenibbli lill-pazjenti tal-kanċer u lill-familji tagħhom u fl-istess waqt iżommu l-awtonomija tagħhom.

F’konferenza tal-aħbarjiet li saret dalgħodu, iċ-Chairperson tan-National Cancer Platform Prof. Ray Galea qal li għalkemm din il-pjattaforma twaqqfet fl-2015, kienet irreġistrata uffiċjalment bħala għaqda mhux governattiva f’Diċembru li għadda.  Żied jgħid li b’hekk se jinfetħu opportunitajiet ġodda għan-National Cancer Platform li jawgura tajjeb għall-futur ta’ din l-entità.

Min-naħa tiegħu, l-Eċċellenza Tiegħu l-President George Vella wera sodisfazzjon għall-fatt li n-National Cancer Platform saret organizzazzjoni volontarja għax b’hekk qal li din se tkun tista’ ssaħħaħ ix-xogħol siewi li twettaq fis-settur tal-kanċer.

Il-President Vella qal li l-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) hija waħda mill-entitajiet li jifformaw parti minn din il-pjattaforma li għandha skop soċjali biex tgħin lil min jitlob l-għajnuna.

Sadanittant, matul il-ġurnata fil-Jum Dinji tal-Kanċer ittellgħet il-konferenza ‘Cancer: Know the Facts’ min-National Cancer Platform.  Il-Prof. Galea qal li l-għan ta’ din il-konferenza kien li tiżdied il-kuxjenza dwar is-servizzi mogħtija f’dan is-settur u fl-istess waqt jiġu identifikati s-servizzi li għadhom mhux disponibbli għall-pazjenti tal-kanċer.

Huwa wera x-xewqa li l-għaqdiet kollha flimkien jaħdmu biex itejbu s-servizzi li qed jingħataw il-pazjenti u l-qraba tagħhom fl-iktar żmien li jkunu jeħtieġu l-kura u l-għajnuna b’rabta mal-kanċer.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vella saħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni u l-kuxjenza li qed issir biex wieħed jinduna bis-sintomi tal-kanċer minn stadju bikri.

Qal li ħafna ċentri qed jinvestu l-miljuni f’riċerka dwar il-kanċer tant li hawn bosta mediċini għall-kura.  Temm jgħid li l-MCCFF qed tkun ta’ sostenn lil kull pazjent li jkun jeħtieġ l-għajnuna għall-kura tal-kanċer f’Malta u barra minn xtutna.

Photos from the World Cancer Day Conference 2020.